Standards fl-Ewropa
X’inhuma l-istandards?
L-istandards huma linji gwida volontarji li jistabbilixxu kif għandhom jaħdmu l-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tan-negozju. Jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jgħinu biex l-affarijiet isiru sikuri, affidabbli u faċli biex jintużaw. L-istandards ikopru kważi kollox minn elmi tas-sikurezza u ċarġers tat-telefown sa rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fit-trasport pubbliku.
Filwaqt li l-użu tal-istandards huwa volontarju, l-adozzjoni tagħhom tista’ ġġib benefiċċji importanti bħal sikurezza u kwalità mtejba, fiduċja akbar tal-konsumatur, u aċċess għal opportunitajiet ġodda tas-suq.
Twissija
F'ċerti każijiet, l-istandards huma riferenzjati fil-leġiżlazzjoni bħala mod preferut jew anki bħala rekwiżit mandatarju biex jikkonformaw mal-liġijiet speċifiċi (jiġifieri l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza jew ir-rekwiżiti tal-interoperabilità).
X’inhuma l-istandards armonizzati?
L-istandards armonizzati huma kategorija speċifika ta’ standards Ewropej żviluppati minn organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni wara li ssir rikjesta mill-Kummissjoni Ewropea.
Ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE huma dejjem obbligatorji. Madankollu, l-użu ta’ standards armonizzati normalment ikun volontarju. Bl-applikazzjoni tal-istandards, il-manifatturi u l-fornituri tas-servizzi jistgħu juru li l-prodotti jew is-servizzi tagħhom jissodisfaw il-liġi tal-UE. Alternattivament, jistgħu jintużaw ukoll soluzzjonijiet tekniċi oħra, dment li jiksbu l-istess livell ta’ konformità.
Kif isiru l-istandards?
L-istandards huma żviluppati minn organizzazzjonijiet privati tal-istandardizzazzjoni. Dawn l-organizzazzjonijiet ilaqqgħu flimkien in-negozji, l-esperti, il-konsumaturi, u partijiet ikkonċernati oħra li jaraw il-bżonn għal regoli komuni li jagħmlu l-prodotti, is-servizzi u l-proċessi jaħdmu aħjar flimkien.
Fil-livell Ewropew, l-istandards jinħolqu minn tliet organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni(ESOs, European standardisation organisations):
- Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN, European Committee for Standardisation)
- Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec , European Committee for Electrotechnical Standardisation)
- L-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI, European Telecommunications Standards Institute).
Fil-livell nazzjonali, l-istandardizzazzjoni hija ġestita minn korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni (NSBs, National standardisation bodies) li:
- jadottaw u jippubblikaw standards nazzjonali
- jadottaw l-istandards Ewropej kollha bħala standards nazzjonali identiċi
- u jirtiraw kwalunkwe standard nazzjonali konfliġġenti.
Kemm l-ESOs kif ukoll l-NSBs huma meħtieġa jippubblikaw il-programmi ta’ ħidma tagħhom u jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-partijiet ikkonċernati. Dawn il-programmi jipprovdu informazzjoni bikrija dwar liema standards qed jiġu żviluppati jew riveduti, u dan jagħmilhielek aktar faċli biex tantiċipa l-bidliet u tippjana l-konformità.
Tista’ tipparteċipa fl-istandardizzazzjoni billi tingħaqad ma’ kumitati tekniċi jew gruppi ta’ ħidma organizzati mill-NSB tiegħek. Dan jippermettilek tikkontribwixxi għarfien espert u tinfluwenza l-iżvilupp ta’ standards rilevanti għas-settur tiegħek.
Kif nista’ nsib standard?
Biex tfittex għal standard Ewropew tista’ tuża wieħed mill-għodod tat-tiftix fil-portals tal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej:
- Cenelec għall-istandards elettrotekniċi
- ETSI għall-istandards tat-telekomunikazzjoni
- CEN en għall-istandards l-oħrajn kollha tas-settur.
Kull wieħed mill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni (NSBs) għandu l-għodda tat-tiftix tiegħu. Tista’ ssib lista ta’ NSBs u taċċessahom permezz tal-programmi ta’ ħidma tagħhom hawnhekk.
Ara ukoll:
- Il-Vuċi tal-Konsumatur Ewropew fl-istandardizzazzjoni (ANEC, European consumer voice in standardisation)
- Il-Koalizzjoni Ambjentali dwar l-Istandards (ECOS, Environmental Coalition on Standards)
- L-Assoċjazzjoni tal-Istandards tan-Negozji Żgħar en