Il-fatturazzjoni elettronika (eInvoicing)
Il-fatturazzjoni elettronika, magħrufa wkoll bħala e-fatturazzjoni, hija l-iskambju diġitali ta’ fattura bejn fornitur u xerrej ta’ oġġett jew servizz. Fattura elettronika hija fattura maħruġa, mibgħuta, u riċevuta b’mod strutturat li jagħmilha faċli biex tiġi pproċessata b’mod awtomatiku u elettroniku.
Fl-UE, xi negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha jużaw l-istandard Ewropew en dwar il-fatturazzjoni elettronika (EN 16931). L-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha fl-UE jistgħu jirċievu fatturi elettroniċi għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku, u xi wħud mill-pajjiżi tal-UE għamluha obbligatorja għall-fornituri li jissottomettu fatturi elettroniċi għall-istess proċedura.
In-negozju tiegħek għandu l-għażla jekk jadottax jew le l-fatturazzjoni elettronika bħala standard ma’ negozji oħrajn, dment li ma tkunx rikjesta mil-liġijiet tal-pajjiż tal-UE fejn taħdem.
Il-fatturazzjoni elettronika fil-prattika
Il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi
L-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-gvernijiet kollha fl-UE jridu jkunu jistgħu jirċievu l-fatturi elettroniċi, u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jekk inti fornitur, hija l-għażla tiegħek jekk tibgħatx waħda jew le.
Fir-rigward tal-akkwist pubbliku, il-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi huma marbutin li jaċċettaw u jipproċessaw il-fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew tal-fatturazzjoni elettronika għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu l-limiti tal-UE għall-akkwist pubbliku en.
In-negozji
Kull pajjiż tal-UE ddefinixxa r-regoli tiegħu dwar kif taħdem il-fatturazzjoni elettronika, u jista’ jkun li f’pajjiżek diġà huwa obbligatorju li jintbagħtu l-fatturi elettroniċi bejn in-negozji. Kun ċert li taf liema regoli japplikaw fil-każ speċifiku tiegħek billi tara l-iskedi informattivi għal kull pajjiż dwar il-fatturazzjoni elettronika en.
Il-fatturazzjoni elettronika u n-negozju tiegħek
Il-fatturazzjoni elettronika tista’ tgħin lin-negozju tiegħek billi:
- tawtomizzalek xi xogħol li jirrikjedi ħafna ħaddiema b’rabta mal-VAT, mar-rapportar Ambjentali, Soċjali, u ta’ Governanza (ESG), u mal-proċeduri doganali,
- tiffrankalek l-ispejjeż u tħaffiflek ix-xogħol, b’inqas żbalji u bi flussi tax-xogħol iktar effiċjenti,
- tissimplifikalek it-tkabbir waqt li n-negozju tiegħek jespandi billi jipproċessa aktar fatturi b’kostijiet amministrattivi aktar baxxi.
Jekk tixtieq tibda tuża l-fatturazzjoni elettronika fin-negozju tiegħek, dawn il-linji gwida en juruk x’għandek tagħmel.
Tista’ wkoll tikseb assistenza mingħand fornitur tas-servizzi u tas-soluzzjonijiet, kumpanija li tipprovdi għodod elettroniċi jew fiżiċi biex tgħin lin-negozju tiegħek jistabbilixxi sistema ta’ fatturazzjoni elettronika, jew billi tuża l-pakkett tas-servizzi tal-fatturazzjoni elettronika en.