Ilmenti u soluzzjoni tat-tilwim

Jekk taħseb li l-kumpanija li tforni l-gass jew l-elettriku tiegħek kisritlek drittijietek (il-kundizzjonijiet tal-kuntratt, il-kwalità tas-servizz, eċċ.), tista’ tressaq ilment mal-fornitur. Il-fornitur ikollu jgħidlek kif tippreżenta l-ilment, li jippermettilek issolvi t-tilwima tiegħek minnufih u tikseb rimborż u/jew kumpens, jekk applikabbli.

Jekk ma tkunx sodisfatt bil-mod kif tmexxa l-ilment tiegħek, għandek ukoll id-dritt tipprova ssolvi t-tilwima bl-għajnuna ta’ korp indipendenti għas-soluzzjoni tat-tilwim barra il-qrati, pereżempju ombudsman inkarigat mill-enerġija.

Dan ma jaffettwax id-dritt tiegħek li aktar tard tressaq każ quddiem qorti, jekk ikun meħtieġ.

Storja bħala eżempju

Ombudsman jista’ jgħinek bl-ilment tiegħek

Helen minn Franza ma kinetx sodisfatta bil-kont tad-dawl tagħha. Ma setgħetx tifhem kif il-kumpanija kienet ikkalkolat l-ammont totali li kellu jitħallas u li deher eċċessiv.

Hija lmentat bil-miktub mal-fornitur tal-elettriku iżda t-tweġiba ma kinitx sodisfaċenti. Tmien ġimgħat wara l-ilment, li ma kienx solvut mill-kumpanija, Helen iddeċidiet li tirrapporta l-każ tagħha lill-ombudsman inkarigat mill-enerġija. L-ombudsman talab lill-kumpanija tispjega x’ġara u biex tikkoreġi l-problema. Il-kumpanija ammettiet li kienet għamlet żball fil-kalkolu tal-kont ta’ Helen. Biddlu wkoll il-format standard tal-kontijiet tagħhom, ħalli l-informazzjoni tkun aktar faċli biex il-konsumaturi jifmhuha.

Punti ta' kuntatt nazzjonali tal-enerġija

Il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom punti ta’ kuntatt nazzjonali fejn tista’ tikseb informazzjoni dwar id-drittijiet tal-enerġija tiegħek, il-leġiżlazzjoni attwali, u kif tittratta b’mod effettiv tilwima dwar il-fornitur tal-gass jew tal-elettriku. Xi wħud jipprovdu wkoll għodod għat-tqabbil tal-prezzijiet.

Sib il-punt ta’ kuntatt nazzjonali ta’ pajjiżek

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 03/12/2025
Ikkondividi din il-paġna